Messaġġ 002
Komunika mill-Kummissjoni - TRIS/(2017) 00838
Direttiva (UE) 2015/1535
Traduzzjoni tal-messaġġ 001
Notifika: 2017/0127/D
No abre el plazo - Nezahajuje odklady - Fristerne indledes ikke - Kein Fristbeginn - Viivituste perioodi ei avata - Καμμία έναρξη προθεσμίας - Does not open the delays - N'ouvre pas de délais - Non fa decorrere la mora - Neietekmē atlikšanu - Atidėjimai nepradedami - Nem nyitja meg a késéseket - Ma’ jiftaħx il-perijodi ta’ dawmien - Geen termijnbegin - Nie otwiera opóźnień - Não inicia o prazo - Neotvorí oneskorenia - Ne uvaja zamud - Määräaika ei ala tästä - Inleder ingen frist - Не се предвижда период на прекъсване - Nu deschide perioadele de stagnare - Nu deschide perioadele de stagnare.
(MSG: 201700838.MT)
1. MSG 002 IND 2017 0127 D MT 27-03-2017 D NOTIF
2. D
3A. Bundesministerium für Wirtschaft und Energie, Referat E B 2, 11019 Berlin,
Tel.: 0049-30-2014-6353, Fax: 0049-30-2014-5379, E-Mail: infonorm@bmwi.bund.de
3B. Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz, Referat V B 2, 10117 Berlin
Tel.: 0049-30-18580-9522, Fax: 0049-30-18580-9525, E-Mail: poststelle@bmjv.bund.de
4. 2017/0127/D - SERV60
5. Att dwar it-titjib tal-infurzar tal-liġi fin-netwerks soċjali (NetzDG)
6. -
7. -
8. L-abbozz jipprevedi l-introduzzjoni ta’ regoli tal-konformità legali għan-netwerks soċjali, sabiex in-netwerks soċjali jiġu inkoraġġiti jwettqu pproċessar iktar rapidu u profond ta’ lmenti dwar reati ta’ mibegħda u kontenut punibbli ieħor.
Permezz ta’ definizzjoni legali tan-netwerk soċjali ser jiġi żgurat li l-obbligu ta’ rapportar ikun jikkonċerna biss lill-operaturi ta’ netwerks soċjali kbar li għandhom is-setgħa jinfluwenzaw l-opinjonijiet u mhux lill-fornituri tas-servizzi kollha skont l-Att dwar it-Telemidja (TMG). Pjattaformi tal-midja b’kontenut ġurnalistiku-editorjali proprju mhumiex koperti mill-abbozz. Id-definizzjoni tan-netwerks soċjali tkopri kemm l-iskambju ta’ kontenut ma’ utenti oħrajn f’komunità tal-internet magħluqa (gated community) kif ukoll it-tixrid ta’ kontenut fil-pubbliku. Huwa previst limitu de minimis għal impriżi żgħar (negozji ġodda). Barra minn hekk, qed jiġi ċċarat li huwa kopert biss dak il-kontenut illegali li jkopri l-elementi oġġettivi tad-dispożizzjonijiet kriminali li jservu sabiex jiġu miġġielda reati ta’ mibegħda jew kontenut punibbli ieħor skont § 1(3) tal-abbozz ta’ Att.
In-netwerks soċjali qed jiġu obbligati bil-liġi sabiex darba kull tliet xhur jirrapportaw dwar il-ġestjoni tal-ilmenti li jikkonċernaw kontenut kriminali rilevanti. Ir-rapport għandu jinkludi kemm statistiċi dwar il-volum tal-ilmenti u l-prassi fit-teħid ta’ deċiżjoni min-netwerks kif ukoll informazzjoni dwar it-timijiet inkarigati bl-ipproċessar tal-ilmenti. Ir-rapport se jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Federali elettronika u fuq il-paġna ewlenija tan-netwerk soċjali stess b’tali mod li jkun jista’ jinstab faċilment.
L-abbozz jistabbilixxi standards legali għal ġestjoni effettiva tal-ilmenti, li jiggarantixxu li n-netwerks soċjali jħassru kontenut manifestament kriminali, li jissodisfa l-elementi oġġettivi ta' waħda mid-dispożizzjonijiet kriminali msemmijin f’§ 1(3), u dan normalment fi żmien 24 siegħa wara li jasal l-ilment tal-utent. Qed jintalbu proċeduri effettivi u trasparenti għat-tħassir immedjat ta’ kontenut illegali, inklużi mekkaniżmi li jagħmluha faċli għall-utenti sabiex jissottomettu l-ilmenti. Il-punt tat-tluq ta’ dan l-obbligu ta’ konformità huwa d-dispożizzjoni ta’ responsabbiltà għall-fornituri tas-servizz skont § 10 TMG. Dawn huma obbligati jneħħu immedjatament jew jimblokkaw l-aċċess għal kontenut illegali li jkunu qed jaħżnu għal utent, wara li jkunu ġew mgħarrfa dwar il-kontenut. L-obbligi tal-konformità stipulati f’dan l-abbozz jassumu dan l-obbligu tal-fornituri tas-servizz u jikkonkretizzawh.
L-abbozz jistabbilixxi li n-nuqqas ta’ osservanza intenzjonali jew b’negliġenza tal-obbligu ta’ rapportar, il-ksur tal-obbligu li tiġi pprovduta ġestjoni effettiva tal-ilmenti kif ukoll il-ksur tal-obbligu li jinħatar rappreżentat ad litem nazzjonali u reċipjent awtorizzat nazzjonali għal talbiet tal-informazzjoni mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi, jikkostitwixxu reat amministrattiv li jista’ jiġi ppenalizzat b’multa li tista’ tammonta għal EUR 5 miljuni. Skont § 17(4) tal-Att dwar ir-Reati Amministrattivi (OWiG), il-multa għandha taqbeż il-vantaġġ ekonomiku miksub bir-reat amministrattiv.
Permezz ta’ § 130 OWiG, applikabbli addizzjonalment, hija possibbli wkoll il-prosekuzzjoni tas-sid tal-impriża li topera n-netwerk soċjali, jekk il-ksur tal-obbligu għall-provvista ta’ ġestjoni effettiva tal-ilmenti, tal-obbligu ta’ rapportar jew tal-obbligu li jinħatru rappreżentant ad litem nazzjonali u reċipjent awtorizzat nazzjonali seta’ jiġi evitat jew kien ikun sostanzjalment iktar diffiċli li kieku kien hemm is-superviżjoni dovuta.
Skont § 30 OWiG tista’ tiġi ffissata wkoll multa kontra entitajiet ġuridiċi u assoċjazzjonijiet tal-individwi. L-abbozz jistabbilixxi li l-livell massimu tal-multa f’każijiet bħal dawn se jiżdied għal EUR 50 miljun (skont it-tielet sentenza ta’ § 30(2) tal-OWiG).
L-abbozz jistabbilixxi lill-Uffiċċju Federali għall-Ġustizzja bħala l-awtorità amministrattiva kompetenti skont § 36 OWiG, li fil-kuntest tal-prosekuzzjoni tar-reati amministrattivi deskritti f’dan l-abbozz għandu jeżamina wkoll jekk huwiex preżenti kontenut punibbli fis-sens ta’ § 1(3).
9. Bħalissa wieħed jista’ jinnota bidla enormi fid-diskors soċjali fuq l-internet u partikolarment fin-netwerks soċjali. Il-kultura tad-dibattitu fuq l-internet ta’ spiss hija aggressiva, abbużiva u ħafna drabi mimlija mibegħda. Ir-reati ta’ mibegħda u l-inċitament għal mibegħda razzjali jistgħu jimmalafamaw lil kulħadd minħabba l-opinjoni, il-kulur tal-ġilda jew l-oriġini, ir-reliġjon, il-ġeneru jew is-sesswalità. Ir-reati ta’ mibegħda u kontenut punibbli ieħor li ma jistgħux jiġu miġġielda u mħarrkin effettivament iġibu magħhom periklu kbir għall-għajxien flimkien fil-paċi f’soċjetà libera, miftuħa u demokratika.
Wara l-esperjenzi fl-elezzjoni tal-Istati Uniti, il-ġlieda kontra aħbarijiet foloz punibbli (“fake news”) fin-netwerks soċjali ngħatat prijorità għolja wkoll fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Għalhekk hemm bżonn ta’ titjib tal-infurzar tal-liġi fin-netwerks soċjali, sabiex jitneħħa immedjatament kontenut punibbli bħall-inċitament għal mibegħda razzjali, insulti, malafama jew il-ksur tal-paċi pubblika permezz tal-falsifikazzjoni ta’ reati kriminali.
F2015, it-tixrid li kien qed jiżdied ta’ reati ta’ mibegħda u kontenut punibbli ieħor, partikolarment fin-netwerks soċjali, diġà wassal lill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u għall-Ħarsien tal-Konsumaturi sabiex jagħti bidu għal task force mal-operaturi tan-netwerks u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. L-impriżi rrappreżentati fit-task force taw il-kelma tagħhom li jtejbu l-ġestjoni ta’ indikazzjonijiet ta’ reati ta’ mibegħda u kontenut punibbli ieħor fuq il-paġni tagħhom. L-impriżi obbligaw ruħhom li jistabbilixxu mekkaniżmi faċli għar-rapportar ta’ kummenti kritiċi u li jeżaminaw il-maġġoranza tal-kummenti rrapportati flimkien ma’ timijiet lingwistikament u legalment ikkwalifikati fi żmien 24 siegħa u li dawn jitħassru jekk ikunu illegali. L-istandard għall-eżami huwa d-dritt Ġermaniż.
L-impenji tal-impriżi diġà wasslu għall-ewwel stadju ta' titjib. Madankollu, dawn xorta għadhom mhumiex biżżejjed. Sal-lum il-ġurnata, l-ammont ta’ kontenut punibbli li jitħassar huwa baxx wisq. Minn monitoraġġ eżegwit minn jugendschutz.net dwar il-prassi tat-tħassir fin-netwerks soċjali għax-xhur ta’ Jannar u Frar tal-2017 irriżulta li l-ilmenti ta’ utenti normali dwar kontenut kriminali għadhom mhumiex qed jiġu pproċessati immedjatament u biżżejjed. Tabilħaqq, illum il-ġurnata l-kontenut punibbli fuq YouTube jitħassar f’90 % tal-każijiet. Iżda fuq Facebook dan isir biss f’39 % tal-każijiet u fuq Twitter f’1 % tal-każijiet biss.
Anki t-trasparenza tan-netwerks soċjali hija insuffiċjenti. L-informazzjoni ppubblikata min-netwerks soċjali dwar it-tħassir u l-imblukkar ta’ kontenut illegali fuq il-pjattaformi tagħhom mhijiex informattiva biżżejjed. L-ilmenti li jidħlu mhumiex ikklassifikati fi gruppi differenti skont il-każ u, barra minn hekk, l-impriżi ma jipprovdux informazzjoni dwar il-perċentwal tal-ilmenti li wasslu għal tħassir jew imblokk.
Il-fornituri tan-netwerks soċjali għandhom responsabbiltà għall-kultura tad-dibattitu soċjali u jeħtieġu jissodisfawha. Fid-dawl tal-fatt li l-istrumenti preċedenti u l-impenji mwegħdin min-netwerks soċjali ma kellhomx biżżejjed effett u peress li jeżistu problemi sostanzjali fl-infurzar tad-dritt applikabbli, hemm bżonn li jiġu introdotti regoli tal-konformità, suġġetti għal multi, fir-rigward tan-netwerks soċjali sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni effettiva u immedjata kontra reati ta’ mibegħda u kontenut punibbli ieħor fuq l-internet.
10. Ma jeżisti ebda test bażiku
11. Le
12. -
13. Le
14. Le
15. B’kollox l-abbozz jikkawża spejjeż ta’ konformità għan-netwerks soċjali li jammontaw għal mill-inqas EUR 28 miljun fis-sena. F’dak li jirrigwarda l-Gvern Federali, l-abbozz iwassal għal spejjeż ta’ konformità li jammontaw għal mill-inqas EUR 4 miljun fis-sena u spejjeż ta’ darba li jammontaw għal mill-inqas EUR 350 000. L-ispejjeż ta’ konformità totali meħtieġa għal-Länder huma stmati għal mill-inqas EUR 200 000 fis-sena.
16. Aspett OTK
LE - L-abbozz m’għandu ebda impatt sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali.
Aspett SPS
LE - L-abbozz m’għandu ebda impatt sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali.
**********
Il-Kummissjoni Ewropea
Direttiva tal-Pont ta’ kuntatt (UE) 2015/1535
Fax: +32 229 98043
email: grow-dir83-189-central@ec.europa.eu