Skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe abbozz ta’ regolament tekniku qabel dan jiġi adottat. Sa mid-data tan-notifika tal-abbozz, perjodu ta’ waqfien ta’ tliet xhur - li matulu l-Istat Membru li jinnotifika ma jistax jadotta r-regolament tekniku inkwistjoni - jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li jeżaminaw it-test notifikat u li jirrispondu b’mod xieraq.
Fejn jirriżulta li l-abbozzi notifikati jistgħu joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija jew għall-provvista libera ta’ servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni jew għal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jistgħu jippreżentaw opinjoni dettaljata lill-Istat Membru li jkun innotifika l-abbozz. L-opinjoni dettaljata għandha l-effett li testendi l-perjodu ta’ waqfien bi tliet xhur addizzjonali għall-prodotti u b’xahar addizzjonali għas-servizzi. Fil-każ li tinħareġ opinjoni dettaljata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jispjega l-azzjoni li biħsiebu jieħu b’rispons għall-opinjoni dettaljata.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti wkoll dwar abbozz notifikat li jkun jidher li huwa konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea, iżda li jeħtieġ kjarifika dwar l-interpretazzjoni tiegħu. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis dawn il-kummenti fil-fond kemm jista’ jkun.
Il-Kummissjoni tista’ wkoll timblokka abbozz għal perjodu ta’ 12 sa 18-il xahar jekk ix-xogħol ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-istess qasam ikun se jsir jew ikun qed isir diġà.
Fl-aħħar tal-proċedura 2015/1535, l-Istati Membri jkunu marbuta li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar it-testi finali hekk kif dawk it-testi jkunu ġew adottati u li jindikaw il-każijiet li fihom l-abbozz notifikat ikun ġie abbandunat, biex b’hekk il-proċedura 2015/1535 tkun tista’ tingħalaq. Dan jippermetti wkoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra li jivverifikaw jekk l-Istat li jkun qed jinnotifika jkunx qies ir-reazzjonijiet li waslu matul il-proċedura.
L-Istati Membri huma obbligati li jerġgħu jinnotifikaw l-abbozz ta’ miżura mal-applikazzjoni ta’ perjodu ġdid ta’ waqfien jekk l-abbozz ta’ regolament tekniku jgħaddi minn tibdil sostanzjali, bħal pereżempju t-tnaqqis tal-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni jew l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni.
Id-Direttiva tipprovdi wkoll għal proċedura ta’ urġenza, li hija mfassla sabiex tippermetti l-adozzjoni immedjata ta’ abbozz nazzjonali, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri “ ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sikurezza, il-protezzjoni tal-annimali jew il-preżervazzjoni tal-pjanti”. Il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-ġustifikazzjoni għall-proċedura ta’ urġenza mill-aktar fis possibbli. Jekk it-talba biex tiġi applikata l-proċedura ta’ urġenza tiġi aċċettata mill-Kummissjoni, il-perjodu ta’ waqfien ta’ tliet xhur ma japplikax u t-test notifikat ikun jista’ jiġi adottat immedjatament.
Hemm żewġ sentenzi importanti ħafna tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-proċedura 2015/1535. Skont l-ewwel waħda tat-30 ta’ April 1996 li tissejjaħ “CIA-Security”, dispożizzjoni nazzjonali li ma tkunx ġiet notifikata skont “il-proċedura 98/34” bħalma kellu jkun, tista’ tiġi ddikjarata inapplikabbli għall-individwi mill-qrati nazzjonali. Skont it-tieni waħda tas-26 ta’ Settembru 2000 li tissejjaħ “Unilever”, regolament tekniku, adottat bi ksur tal-obbligu li tiġi posposta l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali notifikata, jiġifieri li jiġi rrispettat il-perjodu ta’ waqfien, jista’ wkoll jiġi ddikjarat inapplikabbli għall-individwi mill-qrati nazzjonali.