Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tapplika għar-regolamenti tekniċi abbozzati kollha. Regolamenti tekniċi jinkludu:
- speċifikazzjonijiet tekniċi;
- rekwiżiti oħra;
- regoli dwar is-servizz; u
- regolamenti li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta’ prodott jew li jipprojbixxu l-provvista jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur ta’ servizz.
Fit-tifsira tad-Direttiva, “prodott” tikkonċerna kwalunkwe prodott manifatturat b’mod industrijali u kwalunkwe prodott agrikolu, inklużi prodotti tal-ħut.
Fir-rigward tas-servizzi, id-Direttiva tapplika biss għal servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni definiti bħala kwalunkwe servizz ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.
“Speċifikazzjoni teknika” hija speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi ta’ prodott bħall-qies, it-tikkettar, l-ippakkjar, il-livell ta’ kwalità, il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità eċċ. Dan it-terminu jkopri wkoll metodi u proċessi.
“Rekwiżiti oħra” ikopru rekwiżiti imposti fuq prodott bl-iskop li jipproteġu pereżempju konsumaturi jew l-ambjent u li jaffettwaw iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu ladarba jitpoġġa fis-suq, bħall-kundizzjonijiet tal-użu, ir-riutilizzazzjoni jew ir-riċiklaġġ. Madankollu dawn il-kundizzjonijiet għandhom jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.