Messaġġ 002
Komunika mill-Kummissjoni - TRIS/(2020) 03921
Direttiva (UE) 2015/1535
Traduzzjoni tal-messaġġ 001
Notifika: 2020/0682/S
No abre el plazo - Nezahajuje odklady - Fristerne indledes ikke - Kein Fristbeginn - Viivituste perioodi ei avata - Καμμία έναρξη προθεσμίας - Does not open the delays - N'ouvre pas de délais - Non fa decorrere la mora - Neietekmē atlikšanu - Atidėjimai nepradedami - Nem nyitja meg a késéseket - Ma’ jiftaħx il-perijodi ta’ dawmien - Geen termijnbegin - Nie otwiera opóźnień - Não inicia o prazo - Neotvorí oneskorenia - Ne uvaja zamud - Määräaika ei ala tästä - Inleder ingen frist - Не се предвижда период на прекъсване - Nu deschide perioadele de stagnare - Nu deschide perioadele de stagnare.
(MSG: 202003921.MT)
1. MSG 002 IND 2020 0682 S MT 02-11-2020 S NOTIF
2. S
3A. Kommerskollegium
Box 6803, 113 86 Stockholm
Sverige
Tel: 08-690 48 00
E-post: 1535@kommerskollegium.se
3B. Regeringskansliet, Miljödepartementet
103 33 Stockholm
Sverige
4. 2020/0682/S - C00C
5. Ordinanza li temenda l-Ordinanza dwar il-Pestiċidi (2014:425)
6. L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
7. - id-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi
8. Sfond
Id-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-protezzjoni tal-pjanti b’użu baxx ta’ pestiċidi u, fejn ikun possibbli, tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jikkostitwixxu regoli minimi li jippermettu lill-Istati Membri li jimponu rekwiżiti iktar stretti sabiex jinkiseb l-iskop tad-Direttiva.
L-Artikolu 12 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istat Membru jiżgura li l-użu tal-pestiċidi jiġi minimizzat jew ipprojbit fiż-żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew minn gruppi vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, bħal parks u ġonna pubbliċi, grawnds tal-isport u tar-rikreazzjoni, artijiet u btieħi tal-iskejjel, postijiet fejn jilagħbu t-tfal kif ukoll postijiet qrib ħafna ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa. Skont l-Artikolu 3(14) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, gruppi vulnerabbli tfisser persuni li għandhom bżonn konsiderazzjoni speċifika meta jiġu vvalutati l-effetti akuti u kroniċi fuq is-saħħa ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jinkludu nisa tqal u li qed ireddgħu, trabi fil-ġuf, trabi u tfal, xjuħ u ħaddiema u residenti soġġetti li jkunu esposti ħafna għall-pestiċidi għal żmien twil.
Fir-Rapport 2017/2284(INI) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-Parlament Ewropew talab lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti f’żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew gruppi vulnerabbli skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva.
L-Artikolu 12 huwa implimentat fil-leġiżlazzjoni Żvediża mill-Kapitolu 2, l-§ 40 tal-Ordinanza dwar il-Pestiċidi. Skont id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ permess speċjali mill-muniċipalità għall-użu professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq, eż. irqajja’ tal-art għal binjiet b’ħafna appartamenti, fi btieħi tal-iskejjel u tal-kindergartens, f’postijiet fejn jilagħbu t-tfal aċċessibbli mill-pubbliku u f’parks u ġonna aċċessibbli mill-pubbliku.
Għaldaqstant, il-projbizzjoni tal-użu professjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti diġà hija l-punt tat-tluq għal dawn iż-żoni fil-preżent.
L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’ġonna privati u ambjenti domestiċi mhuwiex regolat minkejja l-fatt li l-użu f’dawn l-ambjenti jista’ jkun perikoluż għall-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, eż. it-tfal żgħar. L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-ġonna privati u f’żoni ta’ ġonna allokati jista’ wkoll jagħmel ħsara lill-insetti tad-dakra u l-ilma ta’ taħt l-art.
Id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri li jfasslu Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (l-Artikolu 4). L-Istati Membri għandhom jiffissaw fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali objettivi, miri, miżuri u skedi ta’ żmien kwantitattivi biex inaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi sabiex inaqqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi. Il-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara hija definita fid-Direttiva bħala konsiderazzjoni bir-reqqa tal-metodi kollha disponibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u l-integrazzjoni sussegwenti ta’ miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-iżvilupp ta’ popolazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara u li jżommu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u forom oħra ta’ intervent f’livelli li huma ġustifikati ekonomikament u ekoloġikament u li jnaqqsu jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.
F’April tal-2019, il-gvern iddeċieda fuq Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali rivedut (il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali tal-Iżvezja għall-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-perjodu 2019–2022, N2019/01607/SMF). L-objettiv globali tal-Pjan ta’ Azzjoni Żvediż hu li tinkiseb tendenza ta’ tnaqqis tar-riskju. Il-pjan jinkludi sitt objettivi, inkluż li jitnaqqsu r-riskji għall-ambjent u għas-saħħa u l-limitazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-insetti tad-dakra sabiex jitnaqqsu r-riskji għalihom.
Il-kontenut prinċipali tar-regolamenti
Il-proposta tfisser li l-użu kollu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huwa pprojbit f’ċerti postijiet. Fil-preżent diġà hemm projbizzjoni fuq l-użu f’mergħat u bur li mhumiex adegwati għall-ħrit, iżda li jistgħu jintużaw għall-ħsad jew għar-ragħa. Skont il-proposta, se jiżdiedu dawn li ġejjin:
– btieħi tal-iskejjel, btieħi tal-kindergartens u f’postijiet fejn jilagħbu t-tfal aċċessibbli għall-pubbliku;
- parks, ġonna u żoni oħra li huma maħsuba primarjament bħala żoni tar-rikreazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku;
– żoni tal-ġonna allokati u serer li ma jintużawx professjonalment;
- irqajja’ tal-art għal binjiet residenzjali (tirreferi wkoll għal binjiet fuq l-irqajja’ tal-art) u qsari fl-ambjent tal-ġonna domestiċi;
- pjanti li jinsabu ġewwa minbarra dawk f’siti ta’ produzzjoni, imħażen u simili.
Fid-dawl tal-proposta, l-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi se tkun kapaċi toħroġ regolamenti dwar eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq tali sustanzi attivi fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jitqiesu li jkunu ta’ riskju limitat għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
Il-Bord Żvediż tal-Agrikoltura jingħata d-dritt li joħroġ regolamenti dwar eżenzjonijiet mill-projbizzjoni sabiex jiġu prevenuti l-introduzzjoni, l-istabbiliment u l-firxa ta’ pesti tal-kwarantina kif ukoll eżenzjonijiet meħtieġa għall-kultivazzjoni ta’ pjanti ppreservati fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali Żvediż jew fiċ-Ċentru Nordiku tar-Riżorsi Ġenetiċi.
Il-Bord Żvediż tal-Agrikoltura jingħata d-dritt li joħroġ regolamenti dwar eżenzjonijiet mill-projbizzjoni sabiex jiġu prevenuti l-introduzzjoni, l-istabbiliment u l-firxa ta’ speċijiet aljeni invażivi fuq mergħat jew bur li mhumiex adegwati għall-ħrit, iżda li jistgħu jintużaw għall-ħsad jew għar-ragħa. L-Aġenzija Żvediża għall-Protezzjoni Ambjentali tingħata d-dritt li toħroġ regolamenti dwar eżenzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi prevenuta l-firxa ta’ speċijiet aljeni invażivi f’postijiet oħra fejn japplikaw il-projbizzjonijiet.
F’każijiet individwali, il-muniċipalità se tkun kapaċi tagħti eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-użu jekk il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun approvat mill-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi u l-użu jikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, u jkun meħtieġ għall-kultivazzjoni tal-pjanti ppreservati fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali Żvediż jew fiċ-Ċentru Nordiku tar-Riżorsi Ġenetiċi jew għal raġunijiet speċjali oħra.
L-użu professjonali diġà jeħtieġ permess mill-muniċipalità f’ċerti postijiet. Il-proposta tfisser li ftit minn dawn il-postijiet minflok se jiġu inklużi fid-dispożizzjoni l-ġdida dwar il-projbizzjoni tal-użu. Dan japplika għal:
– irqajja’ tal-art għal binjiet b’ħafna appartamenti;
– btieħi tal-iskejjel u tal-kindergartens;
– postijiet fejn jilagħbu t-tfal aċċessibbli mill-pubbliku;
– parks u ġonna aċċessibbli mill-pubbliku.
F’postijiet oħra fejn l-użu professjonali llum il-ġurnata jeħtieġ permess, dan ukoll se jkompli jkun meħtieġ. Dan japplika:
- għal grawnds tal-isport u tar-rikreazzjoni;
- waqt xogħlijiet ta’ ppjanar u kostruzzjoni;
- għal żoni tat-toroq kif ukoll fuq uċuħ taż-żrar u uċuħ oħra li huma permeabbli ħafna;
- għal uċuħ tal-asfalt jew tal-konkrit jew dawk ta’ materjali iebsin oħra.
Madankollu, l-użu ta’ aġenti b’sustanzi attivi li huma eżentati mir-regolamenti tal-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi se jkun eżentat ukoll mir-rekwiżit għall-permess.
L-użu professjonali f’ċerti postijiet addizzjonali llum il-ġurnata jeħtieġ li ssir notifika bil-miktub lill-muniċipalità. Dan japplika għal:
- żoni tat-toroq, sabiex jiġu prevenuti l-introduzzjoni, l-istabbiliment jew il-firxa ta’ speċijiet aljeni invażivi jew sabiex jiġu prevenuti l-introduzzjoni, l-istabbiliment u l-firxa ta’ pesti tal-kwarantina;
- imbankmenti;
- żoni li mhumiex koperti mir-rekwiżiti għall-permess skont l-§ 40 u li għandhom wiċċ kontigwu ta’ iżjed minn 1 000 metru kwadru fejn il-pubbliku jista’ jivvjaġġa liberament.
L-obbligi ta’ notifika dwar dawn il-postijiet se jibqgħu japplikaw, biż-żieda ta’ postijiet li mhumiex soġġetti għal projbizzjoni tal-użu. Madankollu, l-użu ta’ aġenti b’sustanzi attivi li huma eżentati mir-regolamenti tal-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi se jkun eżentat mill-obbligu ta’ notifika.
Ir-regolamenti qed jiġu proposti li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2021. Qed jiġi propost li l-permess għall-użu professjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ġew deċiżi skont ir-regolamanti preċedenti se jkomplu japplikaw, iżda mhux wara l-31 ta’ Diċembru 2022.
9. L-iskop tar-regolamenti hu li jitnaqqas l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew minn gruppi vulnerabbli skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/128/KE. Ir-regolament għandu wkoll l-għan li jissodisfa l-objettiv tal-kwalità ambjentali tal-Iżvezja “Ambjent mhux tossiku”.
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/128/KE jipprovdi eżempji ta’ żoni użati minn gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Il-lista fl-Artikolu mhix eżawrjenti. Il-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni bħat-tfal żgħar tista’ ssirilhom ħsara billi jiġu esposti għal pestiċidi anke fiż-żoni koperti mill-Kapitolu 2, l-§ 37 tal-proposta, li jiġġustifika l-projbizzjoni ġenerali tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’dawn iż-żoni.
Bħalissa, tapplika r-regola li permess muniċipali għal użu professjonali ma jingħatax f’dawn iż-żoni jekk ikun hemm alternattivi raġonevoli. Peress li spiss ikun hemm alternattivi, il-projbizzjonijiet proposti jżidu wkoll iċ-ċarezza tar-regolament, filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu l-piż amministrattiv għall-muniċipalitajiet.
Ir-regolamenti għandhom ukoll l-għan li jippromwovu metodi alternattivi għall-użu tal-prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti f’dawn iż-żoni. Ir-regolament propost jirrappreżenta parti mill-implimentazzjoni tal-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni integrata tal-pjanti fl-Iżvezja u jfisser li qed tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi.
Huwa meqjus li ma jeżistux miżuri inqas intrużivi biex jintlaħaq dan l-għan. Il-miżuri huma propozjonati għaliex huwa possibbli li jinħarġu regolamenti li jeżentaw il-projbizzjoni ta’ tali sustanzi attivi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jitqiesu li jkunu ta’ riskju limitat għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u għal użi meħtieġa biex jipprevjenu l-introduzzjoni, l-istabbiliment u l-firxa ta’ speċijiet aljeni invażivi u ta’ pesti tal-kwarantina. Hemm ukoll il-possibbiltà li jinħarġu regolamenti dwar l-eżenzjonijiet għal tali użi kif meħtieġa għall-kultivazzjoni tal-pjanti li huma ppreservati fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali Żvediż jew fiċ-Ċentru Nordiku tar-Riżorsi Ġenetiċi. Barra minn hekk, il-muniċipalità tista’ tiddeċiedi fuq eżenzjonijiet meħtieġa għall-kultivazzjoni tal-pjanti li huma ppreservati fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali Żvediż jew fiċ-Ċentru Nordiku tar-Riżorsi Ġenetiċi jew għal raġunijiet speċjali oħra.
Il-miżuri huma prekondizzjoni neċessarja għall-ilħuq tal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll l-objettiv li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jagħmlu ħsara lill-insetti tad-dakra jiġi adattat biex jiġu minimizzati r-riskji.
Ir-regolament ma jinkludix klawżola ta’ rikonoxximent reċiproku billi l-proposta tikkonċerna biss l-użu.
10. Ma jeżisti ebda test bażiku
11. Le
12. -
13. Le
14. Le
15. Iva
16. Aspett OTK
Le - il-proġett m’għandux impatt sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali.
Aspett SPS
Le – l-abbozz mhuwiex miżura sanitarja jew fitosanitarja.
**********
Il-Kummissjoni Ewropea
Direttiva tal-Pont ta’ kuntatt (UE) 2015/1535
Fax: +32 229 98043
email: grow-dir2015-1535-central@ec.europa.eu